gov.mt

PR261570

PR261570

28/09/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI €1.7 miljun f’opportunitajiet ġodda ta’ finanzjament tematiku għar-riċerka u l-innovazzjoni

​



Xjenza Malta qed issaħħaħ l-impenn tagħha li tintensifika l-ekosistema tar-riċerka u l-innovazzjoni ta’ Malta permezz ta’ opportunitajiet ġodda ta’ finanzjament tematiku, b’investiment totali ta’ €1.7 miljun, li jindirizzaw il-prijoritajiet nazzjonali u l-ħtiġijiet settorjali emerġenti.

Dan tħabbar illum mill-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima waqt avveniment li laqqa’ flimkien rappreżentanti mill-gvern, ir-riċerka, l-industrija u l-innovazzjoni. L-avveniment enfasizza kif il-finanzjament immirat għar-riċerka u l-innovazzjoni jista’ jindirizza sfidi nazzjonali u ħtiġijiet tas-suq, filwaqt li wera l-valur tal-kollaborazzjoni interministerjali u trans-settorjali fil-ħolqien konġunt u t-twettiq ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament.

Il-Ministru Clifton Grima tkellem dwar kif ir-riċerka u l-innovazzjoni huma fundamentali għall-kompetittività futura ta’ Malta u l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti f’dan is-settur. “Ma nistgħux nenfasizzaw biżżejjed kemm huwa essenzjali l-approċċ kollaborattiv jekk irridu nibnu ekosistema ta’ riċerka u innovazzjoni aktar b’saħħitha f’Malta. Madankollu, filwaqt li rridu nkomplu noħolqu opportunitajiet biex ir-riċerkaturi u x-xjentisti jiżviluppaw l-ideat tagħhom, irridu wkoll noħolqu l-mogħdijiet li jippermettu lil dawn l-ideat imorru lil hinn mir-riċerka nnifisha u jwasslu għal impatt sinifikanti. Dan ifisser li ninkoraġixxu involviment akbar bejn l-akkademja, l-intraprendituri, in-negozji ġodda (start-ups), l-industrija, l-entitajiet pubbliċi u dawk li jfasslu l-politika, kif ukoll li noħolqu ambjent fejn l-għarfien jista’ jiġi tradott f’soluzzjonijiet,” qal il-Ministru Grima.

B’kollox, qed jiġu allokati €1.7 miljun għat-tliet inizjattivi tematiċi ewlenin ta’ finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni.

Il-programm jiffoka fuq tliet inizjattivi tematiċi ewlenin ta’ finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni. L-ewwel wieħed fuq it-Tielet Programm ta’ Riċerka dwar il-Kanċer, żviluppat f’kollaborazzjoni mal-Cancer Research Innovation Hub Malta (CRIHM). Matul is-sessjoni tal-lum, kien ippreżentat l-aħħar Sejħa għar-Riċerka dwar il-Kanċer u enfasizzat l-evoluzzjoni u l-impatt tal-programm, inklużi stejjer ta’ suċċess minn inizjattivi preċedenti.

It-tieni inizjattiva ffukat fuq il-Programm tal-Vawċers Diġitali, żviluppat f’kollaborazzjoni mal-Malta Digital Innovation Authority (MDIA). L-avveniment immarka l-kontinwazzjoni ta’ kollaborazzjoni ta’ suċċess ta’ tliet snin bejn Xjenza Malta u l-MDIA u introduċa l-Programm il-ġdid ta’ Innovazzjoni Diġitali u l-Programm tal-Vawċers Diġitali.

L-avveniment nieda wkoll il-Programm ta’ Riċerka dwar l-Innovazzjoni tal-Ilma għall-Agrikoltura Sostenibbli, żviluppat f’kollaborazzjoni ma’ Riżorsi Agrikoli Malta (RAM). L-inizjattiva għandha l-għan li tappoġġja r-riċerka u l-innovazzjoni li jindirizzaw l-isfidi relatati mal-ilma fis-settur agrikolu ta’ Malta u li tħeġġeġ il-kollaborazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti.

Silvio Scerri, Kap Eżekuttiv ta’ Xjenza Malta, enfasizza l-importanza li jiġi żgurat il-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni u li jibqa’ allinjat mill-qrib mal-prijoritajiet nazzjonali ta’ Malta. Scerri qal, “Permezz tal-Programmi Tematiċi tagħna, Xjenza Malta hija impenjata li tappoġġja r-riċerka u l-innovazzjoni li jwieġbu għall-prijoritajiet u l-isfidi reali ta’ Malta. Billi nsaħħu l-kollaborazzjoni bejn il-Gvern, ir-riċerka u l-industrija, nistgħu ngħinu biex nixprunaw soluzzjonijiet innovattivi li joħolqu valur ekonomiku u soċjali fit-tul.”

Permezz ta’ dawn l-inizjattivi, Xjenza Malta tkompli trawwem kollaborazzjoni bejn ir-riċerkaturi, l-imprendituri, l-entitajiet pubbliċi u dawk li jfasslu l-politika, filwaqt li tappoġġja l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi li jistgħu jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u soċjali sostenibbli.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MDIA Kenneth Brincat qal, “Fl-MDIA, l-għan tagħna huwa li noħolqu l-kundizzjonijiet biex l-innovazzjoni diġitali affidabbli tiffjorixxi. Dan il-programm jirrifletti l-impenn tagħna li nappoġġjaw ir-riċerka, it-talent u t-teknoloġiji emerġenti li jistgħu joffru benefiċċji tanġibbli għal Malta.”

Min naħa tiegħu, l-Professur Christian Scerri, Chairman tas-CRIHM qal, “Bit-tnedija ta’ dan it-tielet ċiklu ta’ finanzjament, is-CRIHM qed jibni fuq kważi €3 miljun diġà investiti f’għaxar proġetti ta’ riċerka dwar il-kanċer, li jsaħħu l-kapaċità ta’ Malta li tittrasforma l-iskoperta xjentifika fi prevenzjoni, dijanjosi u trattament aħjar.”

Manuel Sapiano, Uffiċjal Kap – Taqsima tar-Riżorsi tal-Ilma ta’ RAM semma kif “Ir-riċerka għandha l-akbar valur meta tasal għand in-nies li jistgħu jisfruttawha. Permezz ta’ inizjattivi konġunti, workshops, programmi ta’ taħriġ, u attivitajiet ta’ involviment tal-partijiet ikkonċernati, nistgħu ngħinu biex niżguraw li l-bdiewa, l-operaturi agrikoli, u partijiet ikkonċernati oħra jkunu mgħammra bl-għarfien meħtieġ biex iħaddnu l-innovazzjoni u jirrispondu b’mod effettiv għall-isfidi li qed jevolvu.”


​